L-MFSA bi skrutinju għall-persuni esposti politikament

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) kompliet issaħħaħ il-proċeduri tagħha ta’ kontra l-ħasil tal-flus billi ppubblikat Gwida Dwar Nies Esposti Politikament (PEPs).

Fi stqarrija, hija qalet li tistenna li n-nies u l-entitajiet liċenzjati u awtorizzati minnha li jikkwalifikaw bħala persuni suġġetti għar-Regoli dwar Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u Fondi għat-Terroriżmu (PMLFTR) biex jimxu mal-gwida li ppubblikat, l-ewwel nett billi jidentifikaw lil dawn il-persuni u mbagħad biex japplikaw il-miżuri neċessarji.

L-MFSA kompliet tgħid li din il-gwida testendi anke għall-familjari u dawk qrib ta’ dawn il-persuni.

Kelliem għall-MFSA qal ma’ Newsbook.com.mt li din il-gwida titlob sabiex banek u servizzi finanzjarji jiskrutinaw b’mod aktar rett meta xi ħadd espost politikament jiddepożita jew joħroġ ammont sostanzjali ta’ flus. Qal li din il-gwida qed ittihom iċ-ċans għal due diligence aktar rett.