L-MFSA tinvestiga siti tal-fake news; il-Gvern b’rapport lill-Pulizija

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) bħalissa qed tinvestiga kampanja ta’ riklami li wieħed seta’ jaċċessa permezz ta’ Facebook u li tieħu lill-persuna f’websajt qarrieqa dwar il-muniti virtwali, cryptocurrencies. Intant fi stqarrija il-Gvern sostna li għamel rapport lill-Pulizija dwar dawn il-websajts.

Kelliem għall-MFSA sostna ma’ Newsbook.com.mt li l-MFSA se tkun qed tieħu l-passi neċessarji fil-każ. Hu fakkar lill-pubbliku sabiex joqgħod attent u dejjem janalizza sew meta jiġi wiċċ imb’wiċċ ma’ investimenti onlajn.

Fil-11 ta’ Diċembru, Newsbook.com.mt ippubblika artiklu jispjega kif paġna ta’ Facebook, direzzjonata għal udjenzi Maltin, bdiet ixxerred riklami fuq Facebook li jgħidu li l-Ministeru għall-Finanzi investa $500 miljun f’The Bitcoin Revolution. Din hija kumpanija fittizja u qarrieqa li titlob persuni jinvestu l-munita virtwali fiha.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-MFSA fit-13 ta’ Diċembru, madanakollu rċieva r-risposta għall-mistoqsijiet propju llum, fl-istess ġurnata meta ħarġet stqarrija tal-Gvern dwar is-sottomissjoni ta’ rapport lill-Pulizija.

Fl-istqarrija ġie spjegat li l-Gvern talab lill-Pulizija sabiex issir investigazzjoni fuq numru ta’ stejjer li dehru fuq l-internet, fosthom siti ta’ aħbarijiet fittizji u l-mezzi soċjali li fihom hemm imsemmija l-Prim Ministru u esponenti oħra tal-Gvern fosthom anke biex jiġu rreklamati prodotti bħall-bitcoin.

Intant, f’risposta dettaljata, il-kelliem għall-MFSA spjega li skont l-Att tal-Assi Finanzjarji Virtwali, ħadd ma jista’ jipprovdi jew jagħmel ta’ bir-ruħu li qed jipprovdi servizz ta’ Assi Finanzjarji Virtwali f’Malta sakemm ma jkollux il-liċenzja valida kif stipulata mill-istess Att. Il-liġi tgħid ukoll li ma jistax isir reklamar ta’ servizzi ta’ Assi Finanzjarji  Virtwali. Il-kelliem kompla jispjega li f’każ li xi ħadd jinqabad jikser dawn il-liġijiet, l-MFSA għandha l-poter li tieħu azzjonijiet neċessarji.