Aġġornata: L-MFSA tilqa’ d-deċiżjoni tal-EBA

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) dalgħodu laqgħet id-deċiżjoni li l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għalqet l-inkjesta preliminari fuqha hekk kif sabet li l-MFSA ma kisritx liġijiet Ewropej bil-mod kif aġixxiet mal-Bank Pilatus.

Dan minkejja li l-istess Awtorità Bankarja Ewropea f’ittra kitbet li qed kien hemm numru ta’ fatturi li qed iħassbuha. Dawn jinkludu li l-MFSA u l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) kienu qegħdin jikkollaboraw waqt il-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-Bank Pilatus, l-iċċekkjar li sar bħala parti minn dan il-proċess, ir-rispons li ngħata fuq l-effettività tas-sistemi AML/CFT, u l-prijorità tar-riskji u tar-riżorsi li ngħatat biex tikkredita lill-istituzzjonijiet li kienu qegħdin ifittxu bank privat għan-negozju b’maġġoranza ta’ klijenti li mhumiex residenti.

Fl-istqarrija maħruġa dalgħodu, l-MFSA sostniet li tinsab kuntenta li l-azzjonijiet li ħadet fil-konfront tal-Bank Pilatus ġew rikonoxxuti. Irrimarkat li lesta li tikkollabora mal-EBA, kif ukoll entitajiet superviżorji oħrajn fl-Unjoni Ewropea sabiex tkompli tiżviluppa s-superviżjoni fuq każijiet ta’ ħasil tal-flus u toħloq ambjent kontra dan l-aġir.

Intqal li l-MFSA diġà qed timplementa numru ta’ inizjattivi strateġiċi sabiex jissaħħaħ l-issolverjar tal-Awtorità.

Intant, fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa qal li l-MFSA ħelset minn investigazzjoni formali mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) billi bdiet il-proċedimenti tagħha biex il-Bank Pilatus tittiħidlu l-liċenzja.

“Din hija konferma li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma b’saħħithom” – Silvio Schembri

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Silvio Schembri, sostna li d-deċiżjoni tal-EBA turi kemm l-istituzzjonijiet ta’ Malta huma b’saħħithom. Hu spjega li dan “iċ-ċertifikat ġie fi sfond li għaddejja kritika distruttiva maħsuba li tmajna s-settur tas-servizzi finanzjarji u dan għal skopijiet partiġjani.”

Schembri sostna li l-gvern wettaq għadd ta’ emendi fejn għandu x’jaqsam operat tal-MFSA u dan biex jagħti lir-regolatur tal-awtorità iktar għodod sabiex jindirizza abbużi u sfidi oħra fis-settur.