L-MFSA tħabbar li żewġ entitajiet huma foloz

MFSA

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta infurmat lill-publiku biex ma jidħol fl-ebda  ftehim kummerċjali jew tranżazzjoni ma’ żewġ entitajiet.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġiet infurmata b’entità li qed topera bl-ismijiet ta’ Paramount FX Trade jew PFXT Ltd u li għandha preżenza fuq l-internet fis-sit  https://paramountfxtrade.com/.

Dan is-sit qed jagħmel użu mhux awtorizzat u referenza għall-indirizz reġistrat u dettalji oħra ta’ kumpanija li hi liċenzjata Malta.

L-MFSA tixtieq tavża lill-pubbliku f’Malta u barra minn Malta, li Paramount FX Trade jew PFXT Ltd m’humiex kumpaniji rreġistrati hawn Malta u lanqas m’huma liċenzjati jew b’xi mod ieħor awtorizzati mill-MFSA biex jipprovdu servizz ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija. Għalhekk il-pubbliku m’għandu jidħol fl-ebda ftehim kummerċjali jew tranżazzjonijiet mal-entitajiet imsemmija.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ġiet infurmata b’entità oħra li qed topera taħt l-isem ta’ Mistral Trading li għandha preżenza fuq l-internet fis-sit https://mistraltradingltd.com/. Dan is-sit elettroniku qed jagħmel użu mid-dettalji ta’ kumpanija liċenzjata, Malta Mistral Trading Limited (C 85815), li hija kumpanija marittima u ma toffrix servizzi finanzjarji. Id-dettalji ta’ din il-kumpanija ġenwina qed jintużaw minn frodisti sabiex iqarrqu bil-pubbliku.

L-Awtorità tixtieq tinforma lill-pubbliku li https://mistraltradingltd.com/ mhix kumpanija rreġistrata Malta u lanqas m’hi awtorizzata biex tipprovdi servizzi finanzjarji f’Malta jew minn Malta. Barra minn dan, https://mistraltradingltd.com/ m’għandha l-ebda rabta mal-kumpanija rreġistrata Malta, Mistral Trading Limited (C 85815).

Is-sit elettroniku https://mistraltradingltd.com/ jidher li hu clone tal- entità leġittima u għalhekk il-pubbliku m’għandux jidħol f’negozju jew tranżazzjonijiet ma’ din l-entità qarrieqa.

Jekk inti vittma ta’ xi qerq (scam) jew taħseb li tista’ tkun qed titratta ma’ entità li mhix awtorizzata jew xi tip ta’ ingann finanzjarju ieħor, waqqaf kull transazzjoni ma’ din l-entita’ u kkuntattja minnufih lill-MFSA fuq https://www.mfsa.mt/about-us/contact/.