L-MFSA testendi l-perjodu ta’ sottomissjoni ta’ rapporti regolatorji

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) estendiet il-perjodu ta’ sottomissjoni ta’ xi rapporti regolatorji minħabba l-effetti li qed iħalli l-COVID-19 fuq is-settur finanzjarju.

Fi stqarrija, l-MFSA qalet li rat li hemm bżonn li dan isir minħabba li l-pajjiż bħalissa jinsab f’ċirkustanzji straordinarji. B’hekk se tkun qed tippermetti li xi rapporti li kellhom jiġu sottomessi f’Marzu jew April tal-2020, jiġu sottomessi aktar tard. Madanakollu qalet li deadlines li huma għal Mejju u għal Ġunju, għalissa se jibqgħu kif inhuma. Dan sakemm is-sitwazzjoni ma twassalx għal bżonn li jkun hemm estenzjoni ta’ dawn id-dati wkoll.

L-MFSA qalet li se tkompli tiddjaloga mill-qrib mal-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, kif ukoll il-Bank Ċentrali Ewropew. Qalet ukoll li l-pożizzjoni tagħha hemm ċans tinbidel minn żmien għall-ieħor, skont is-sitwazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn