L-MFSA taħtar ‘Persuna Kompetenti’ biex tmexxi Pilatus Bank

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell bħala ‘Persuna Kompetenti’ biex tieħu ħsieb l-assi kollha tal-Bank Pilatus u biex jassumi kontroll tas-servizzi bankarji u servizzi ta’ investiment li għandu l-Bank.
Ilbieraħ l-MFSA iltaqgħet b’urġenza u ddeċidiet li tkeċċi lil Hasheminejad u ordnat biex ma jsirux aktar tranżazzjonijiet.
Fl-istqarrija tal-lejla, l-MFSA qalet li Connell għandu erperjenza twila fil-qasam regolatorju finanzjarju tal-Istati Uniti, kemm f’livell federali u anki fuq livell ta’ stat.
Direttiva oħra imposta mill-MFSA hi dik biex il-Bank “ma jiddisponix, ma jillikwidax, ma jittrasferixxi jew b'mod ieħor jagħmel użu mill-assi u l-flus tal-klijenti”.
L-MFSA qalet li qed tagħmel dan skont il-liġijiet tal-Att Bankarju u l-Att dwar is-Servizzi tal-Investiment.
Filwaqt li l-MFSA ħabbret din il-ħatra ta’ Connell, l-Awtorità kkonfermat ukoll li l-Bank jista’ jkompli joffri s-servizzi sakemm l-MFSA terġa’ twaqqfu.
Sid il-Bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad, ġie arrestat it-Tlieta fl-Istati Uniti, u qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Venezwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran, u anke ta’ ħasil ta’ flus.