L-MFSA taġixxi kontra s-sussidjarji ta’ Nexia BT wara l-arresti

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) talbiet lil żewġ sussidjarji tan-Nexia BT biex ma jieħdux aktar klijenti ġodda u ma jipprovdux servizzi addizzjonali ħlief għal dawk li għandhom bħalissa. Dan wara li s-sid ta’ Nexia BT ġie arrestat aktar kmieni din il-ġimgħa.

Tonna kien arrestat flimkien mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u Karl Cini, it-tax and international client services partner tan-Nexia BT. Dan fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-inkjesta fl-allegazzjonijiet li Schembri rċieva kickbacks fuq il-bejgħ tal-passaporti bl-għajnuna ta’ Nexia BT.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-liċenzja ta’ Nexia BT biex tbigħ il-passaporti kienet revokata mill-Aġenzija Maltija għall-Programm tal-Investitur Individwali.

Il-Ħamis, l-MFSA ippubblikat notifiki kontra ż-żewġ kumpaniji – BT International u BTI Management – li huma propjetà ta’ Nexia BT u li jaqsmu wkoll l-istess indirizz f’San Ġwann.

In-notifiki ħadu l-istess azzjoni fil-konfront taż-żewġ kumpaniji, li l-awtorità qed tgħid li ma kinux f’pożizzjoni biex ikomplu jaqdu lill-klijenti waqt li jżommu ma’ dak li titlob il-liġi.

B’hekk huma ntalbu:

  • Biex ma jdaħħlux klijenti ġodda u ma joffrux servizzi ġodda lill-klijenti kurrenti sakemm l-MFSA tikseb l-informazzjoni neċessarju u l-assigurazzjonijiet dwar l-impatt li l-iżviluppi riċenti seta’ kellhom fuq l-operat tagħhom.
  • Jipprovdu rapport dettaljat lill-MFSA dwar l-impatt li dawn l-iżviluppi ħallew fuq in-negozju tagħhom li jelaboraw fuq il-passi li jmiss.
  • Jinnotifikaw lill-klijenti tagħhom dwar l-iżviluppi riċenti u l-impatt fuq is-servizzi tagħhom u biex jiksbu konferma jekk il-klijenti xtaqux iżommu dawn is-servizzi pprovduti minnhom.

Il-kumpanija Nexia BT ilha suġġett ta’ kontroversja minn meta kienu żvelati l-Panama Papers fejn ħareġ li l-kumpanija kienet bdiet strutturi offshore għal Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi. Mizzi kien politikament responsabbli għal proġetti kbar tal-gvern waqt it-terminu ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

L-azzjoni kontra BTI u BTIM hija l-ewwel azzjoni regolatorja li qed tieħu l-MFSA kontra din il-kumpanija.