L-MFSA investigata mill-Awtorità Bankarja Ewropea

L-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) qed tiġi investigata mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).
Dan qalu fi stqarrija l-Ewroparlamentari u mexxej tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa.
Casa sostna li minkejja l-informazzjoni u l-evidenza dwar il-Bank Pilatus u n-Nexia BT, dawn xorta għad għandhom il-liċenzja u komplew joperaw kemm f’Malta kif ukoll fl-Unjoni Ewropea.
Dan wassal għall-EBA biex tinvestiga.
Casa kompla jgħid li l-Bank Pilatus u n-Nexia BT kienu l-moħħ wara l-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. Huwa sostna li l-evidenza hi ddokumentata.
Casa saħaq li l-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, mhux kapaċi jassigura li l-istituzzjonijiet li għalihom hu responsabbli jiffunzjonaw kif suppost.
Dan għaliex kemm l-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) u l-MFSA jaqgħu taħt il-portafoll tal-Ministru Scicluna.