L-MFSA f’laqgħa urġenti dwar Pilatus Bank

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) bħalissa qed tiddeċiedi x’se jiġri mil-liċenzja tal-Bank Pilatus.
Skont il-midja lokali, il-laqgħa ilha għaddejja mit-8:30am, fejn il-kunsill superviżorju tal-MFSA, qed jiddiskuti x’se jkun il-futur tal-Bank Pilatus f'Malta, bħala l-bord li tieħu ħsieb il-ħruġ tal-liċenzji bankarji.
Dan wara li lbieraħ, is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus ġie arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran, billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran.
Il-Kunsill Superviżorju jitmexxa mid-direttur ġenerali tal-MFSA flimkien mad-direturi kollha tagħha.
Illum numru ta’ persuni rreaġixxew għall-arrest tas-sid tal-bank, filwaqt li saret ukoll konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista u oħra min-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili.