L-MFSA bi twissijiet għall-pubbliku dwar tliet kumpaniji

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) ħarġet twissija dwar tliet kumpaniji bl-isem ta’ Ivaja Ltd, Tower of London Worldwide u Comino Crypto Fund LLC.

L-Awtorità qalet li l-kumpanija Ivaja Ltd għalkemm hija liċenzjata mal-Malta Business Registry mhux liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi is-servizz ta’ cryptocurrency u ta’ pjattaforma ta’ skambju jew kwalunkwe servizzi finanzjarji u virtwali oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew awtorizzati b’xi mod ieħor taħt il-liġi Maltija. Ivaja Ltd hija kumpanija bl-indirizz reġistrat fit-8, Triq Sant’ Antnin Birkirkara, BKR 4901.

Dwar l-entità bl-isem ta’ Tower of London Worldwide, l-MFSA qalet li din għandha l-preżenza fuq l-internet fis-sit http://www.toweroflondon-worldwide.com/. Żiedu li l-entità ssostni li toffri konsulenza finanzjarja madankollu l-MFSA qalet li din il-kumpanija mhix liċnezjata mill-MFSA u biex tipprovdi kwalunkwe servizzi finanzjarji li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija. L-MFSA għamlet referenza għat-twissijiet li nħarġu kontra t-Tower of London Worldwide mill-Awtorità dwar il-Kondotta Finanzjarja fir-Renju Unit u l-Awtorità Superviżjorja tas-Suq Finanzjarju Żvizzeru.

It-tielet kumpanija li dwarha l-MFSA ħarġet twissija hija l-Comino Crypto Fund LLC li għandha s-sit elettroniku https://cominocryptofund.com/. L-MFSA qalet li l-kumpanija tiddikjara li għandha pjattaforma ta’ kummerċ u topera minn indirizz f’Malta madankollu l-Awtorità qalet li l-kumpanija mhix reġistrata hawn Malta u lanqas mhi liċenzjata jew awtorizzata mill-MFSA biex tipprovdi servizz ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew awtorizzati bi kwalunkwe mod ieħor taħt il-liġi Maltija. L-MFSA tissuġġerixxi li Comino Crypto Fund LLC x’aktarx hi skema ta’ natura dubjuża b’riskju għoli ta’ telf ta’ flus.

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta appellat lill-pubbliku biex ma jsir l-ebda ftehim kummerċjali jew tranżazzjonijiet ma’ dawn l-entitajiet. Żiedu li ħadd m’għandu jagħmel xi tranżazzjonijiet ma’ entitiajiet li mhumiex awtorizzati mill-MFSA jew minn xi regolatur ieħor tas-servizzi finanzjarji ta’ reputazzjoni tajba. Lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA fuq https://www.mfsa.mt/financial-services-register/.

Kull min huwa vittma ta’ xi qerq jew hemm dubju li l-entità mhix awtorizzata jew xi tip ta’ ingann finanzjarju ieħor, importanti li jitwaqqaf kull transazzjoni ma’ din l-entita’ u wieħed għandu jikkuntattja minnufih lill-MFSA fuq https://www.mfsa.mt/about-us/contact/.