L-MFSA bi twissija fuq 3 kumpaniji qarrieqa

Read in English.

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) ħarġet twissija fuq tliet kumpaniji qarrieqa li jippretendu li joffru servizzi finanzjarji f’Malta, mentri m’għandhomx liċenzja biex jagħmlu dan.

Waħda mill-entitajiet hija kumpanija li topera s-sit cardinalholdingsltd.com u li tuża d-dettalji ta’ Cardinal Holdings Limited, kumpanija reġistrata f’Malta li mhix awtorizzata toffri servizzi finanzjarji. L-MFSA wissiet li bi frodi, xi nies qed jużaw id-dettalji tal-kumpanija ġenwina biex iqarrqu bil-pubbliku.

Iż-żewġ twissijiet l-oħra jikkonċernaw iż-żewġ kumpaniji Expertzoption u FxTrade Gains, li jgħidu li għandhom liċenzja ta’ investiment ta’ kategorija 3 mill-MFSA, mentri dan mhux minnu. Iż-żewġ kumpaniji għandhom is-siti elettroniċi expertzoption.com u fxtradegains.com.

Fiż-żewġ każijiet, l-MFSA wissiet li din x’aktarx hija skema ta’ natura dubjuża li taf tirriżulta f’telf ta’ flus.