L-MFSA bi twissija dwar 2 entitajiet qarrieqa

L-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) wissiet dwar l-entitajiet ApexTrade Options Ltd u MatrixFX Trade jew MFXT Ltd, li mhumiex awtorizzati minkejja li jagħmlu referenza għal indirizz reġistrat u dettalji oħra ta’ kumpaniji reġistrati Malta.

ApexTrade Options Ltd u MatrixFX Trade għandhom sit elettroniku, fejn jiddikjaraw li huma awtorità regolata mill-MFSA u għandhom liċenzja ta’ investiment ta’ kategorija 3, u ta’ kategorija 7, rispettivament. MatrixFX Trade tgħid li toffri “forex and CFD exchanging.”

L-MFSA avżat lill-pubbliku li ż-żewġ kumpaniji mhumiex irreġistrati f’Malta u lanqas m’għandhom liċenzja, jew ma huma awtorizzati mill-MFSA biex jipprovdu servizzi ta’ skambju jew servizzi finanzjarji oħra li huma meħtieġa li jkunu liċenzjati jew bi kwalunkwe mod ieħor awtorizzati taħt il-liġi Maltija.

Għaldaqstant il-pubbliku hu mwissi biex ma jidħolx fi ftehim kummerċjali jew tranżazzjonijiet mal-entitajiet imsemmija.

Il-lista ta’ entitajiet liċenzjati mill-MFSA hija disponibbli fuq is-sit uffiċjali tal-MFSA.