L-MFA tniedi kors għal referis ġodda

Il-Malta Football Association ħabbret li se tkun qed tniedi kors ta' taħriġ għal kull min jixtieq jibda karriera ta' referì.
Il-kors li se jkun fuq bażi ta' żewġ sessjonijiet fil-ġimgħa fuq perjodu ta' kważi xahar u nofs, huwa mmirat għal min qatt ma kellu esperjenza ta' referì u se jibda mill-prinċipji bażiċi.
Is-sessjonijiet se jibdew isiru nhar ta' Tlieta u nhar ta' Ħamis bejn il-5:30pm u t-8:30pm fid-Dipartiment tar-Refereeing tal-MFA fil-Grawnd taċ-Ċentinarju f'Ta'Qali.
Il-kors se jibda f'nofs April u jibqa' sejjer sal-bidu ta' Ġunju.
Apparti t-teorija li tiffoka fuq ir-regoli kollha tal-futbol u tal-futsal, il-kors se jkun konkluż ukoll b'test fiżiku u b'eżami bil-miktub u oral.
Dawk imħajjra japplikaw għandhom jikkuntattjaw lill-MFA direttament fuq referees@mfa.com.mt sa nhar il-Ġimgħa li ġej.
Il-kors jiswa €35 waqt li l-istudenti jħallsu rata mnaqqsa ta' €20. Kull min japplika huwa mistenni li jkun mitlub jattendi għal intervista qasira.