L-MFA tinvesti fil-mediċina fl-isport għall-ġid tal-poplu Malti

Minn nhar it-Tnejn se jinfetħu uffiċjalment il-bibien tal-Millennium Physiotherapy Clinic, fil-Millenium Stand, f’Ta’ Qali.
Din il-klinika se tieħu post il-klinika fiċ-Ċentru Tekniku fl-Istejdjum Nazzjonali f’ Ta’ Qali, biex tkun aktar aċċessibli għal kulħadd u timla l-vojt li hemm fil-Millennium Stand.
Il-klinika għandha dehra mill-isbaħ, bi spazju kbir u b’apparat mill-aktar modern bl-għajnuna ta’ kumpanija Taljana esperta fil-qasam tal-mediċina sportiva.
Dan il-proġett se jservi ta’ ftuħ biex titneħħa l-idea li din il-klinika hija biss għall-użu tal-plejers tat-tim nazzjonali Malti tal-futbol.
Fil-fatt din il-klinika se tkompli tkun ta’ servizz għall-għaqdiet sportivi kollha u għall-pubbliku Malti kollu.
Fi kliem is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Bjorn Vassallo, din il-klinika tħabbatha sew maċ-ċentri oħra barra minn Malta.
Fl-aħħarnett Vassallo rringrazzja lid-dipartiment tal-infrastruttura mmexxi minn Manuel Cassar, lis-staff tal-klinika mmexxi minn Dr David Attard u lid-dipartiment tal-marketing immexxi minn Norman Saliba.
Dawn in-nies kollha ħadmu kontinwament id f'id biex din il-klinika tibda taħdem b’suċċess.