L-MFA tiddiskuti l-isfidi maħluqa mill-pandemija Covid-19

Ritratt: MFA

Fi stqarrija mill-MFA intqal li l-membri tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali iltaqgħu mill-ġdid permezz tal-vidjokonferenza biex ikomplu d-diskussjonijiet u jindirizzaw aktar l-isfidi bla preċedent maħluqa mill-pandemija Covid-19.

Fil-laqgħa l-partijiet irrikonoxxew id-diversità mhux biss bejn il-kategoriji differenti iżda wkoll fl-istess diviżjoni fejn il-klabbs għandhom realtajiet differenti, anke f’termini tal-kundizzjonijiet varji miftiehma ma’ plejers individwali.

“Matul id-diskussjoni  l-membri tal-Kumitat għad-Djalogu Soċjali analizzaw il-proposti varji li ġew preżentati s’issa. Huwa rilevanti li wieħed jinnota li kull proposta hija maħsuba biex tiggarantixxi sett ta’ kundizzjonijiet minimi filwaqt li tagħti l-libertà lill-klabbs u l-plejers biex jintlaħaq ftehim dwar kundizzjonijiet aħjar,” intqal fl-istqarrija.

Il-partijiet kollha wiegħdu li jippromwovu u jappoġġjaw l-isforzi mwettqa mill-partijiet fuq bażi individwali skond ftehim ta’ benefiċċju reċiproku.

Il-Kumitat għad-Djalogu Soċjali huwa forum immexxi mill-Malta Football Association u jiġbor flimkien rappreżentanti ta’ klabbs, plejers u kowċis biex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, inkluż l-istatus u t-trasferiment tal-plejers u l-impjieg.