L-MFA tibda’ tirrifondi l-flus tal-UEFA Solidarity Payments

Il-Malta Football Association bdiet tirrifondi lil 45 klabb membru tagħha €36,725.75, li huma nofs l-arretrati tal-UEFA Solidarity Payments li l-MFA kienet żammet fil-kontijiet tagħha mill-ammonti li kellhom jiġu mqassma għall-istaġuni bejn l-2002/03 u l-2007/08.
Wara deċiżjoni tal-Kunsill tal-MFA tat-8 ta’ April 2013, li kien irratifika rapport li kien ingħata mill-‘Board of Internal Auditors’ tal-MFA, li kien mexxa investigazzjoni fuq flejjes li kienet żammet l-MFA f’dawk l-istaġuni mill-flejjes li kienu ġew riċevuti mill-UEFA biex jitqassmu lill-klabbs membri tal-MFA.
Għalhekk ilbieraħ filgħaxija waqt attività organizzata mill-Youth FA fis-Sala taċ-Ċentenarju, fis-Centenary Stadium, Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, qassam dawn il-flus.
Darmanin Demajo kien akkumpanjat minn Father Hilary Tagliaferro, President tal-Youth FA.
L-MFA qasmet ukoll lill-klabbs membri tagħha, is-‘Solidarity Payments’ mill-profitti tal-UEFA Champions League għall-istaġun 2013/14.
L-ammont globali għal din is-sena kien ta’ €290,918, u minn dawn l-għotjiet se jibbenefikaw 63 klabb u n-nurseries rispettivi tagħhom.
L-ammont imsemmi huwa l-ammont kollu riċevut mill-MFA għal din is-sena u se jitqassam kollu skont l-istruzzjonijiet tal-UEFA li bagħtet dawn il-fondi.