L-MFA tfakkar lil Paul Falzon

Ritratt: MFA

Il-Malta Football Association espremiet id-dwejjaq tagħha għall-mewt ta’ Paul Falzon li miet ilbieraħ is-Sibt fl-età ta’ 73 sena. 

Falzon iddedika ħafna mill-ħajja tiegħu lill-isport, kemm bħala atleta kif ukoll bħala amministratur. Gowlkiper prominenti tal-waterpolo, Falzon huwa sinonimu ma’ St Andrews FC.

Għal aktar minn 20 sena Falzon serva bħala president ta’ St Andrews u  rrappreżenta wkoll lill-klabb fil-Kunsill tal-Malta Football Association. Huwa wkoll ifforma parti mill-Kumitat Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, kariga li okkupa sal-aħħar tal-istaġun li għadda meta l-kwistjonijiet tas-saħħa ġiegħluh iħalli din il-kariga.    

“Aħna lkoll imdejqin bl-aħbar tal-mewt tal-ħabib u l-kollega tagħna Paul Falzon,” qal Bjorn Vassallo, il-President tal-Malta Football Association. “Il-kontribuzzjoni ta’ Paul fil-futbol hija riflessa fil-progress li sar mill-klabb tiegħu St Andrews matul is-snin, kemm fuq il-grawnd kif ukoll barra, waqt li fil-livell nazzjonali, kien membru tal-Kunsill FA ta’ Malta u tal-Kumitat Eżekuttiv.”

Bjorn Vassallo remm jgħid li “Fuq kollox, Pawlu kien karattru kbir, maħbub minn dawk kollha li kienu jafuh. Se jkun immissjat ħafna.”

Fl-aħħar nett il-Malta FA estendiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja u l-qraba ta’ Paul Falzon.