Il-mewt ta’ Lady Diana: Allegazzjoni li l-SAS tefgħu apposta dawl f’għajnejn ix-xufier

Ex-suldat membru tal-SAS Ingliża (Special Air Forces), allega li kienu l-SAS responsabbli mill-mewt tal-Prinċipessa Diana. Dawn l-allegazzjonijiet ġiegħlu lill-investigaturi ta’ Scotland Yard jerġgħu jiftħu l-każ.

Soldier N, kif inhu magħruf s’issa, allega li individwi miċ-ċirku intern tal-Familja Irjali, qabdu membri tal-SAS biex jitfgħu apposta dawl f’għajnejn x-xufier li kien qed isuq lill-Prinċipessa bil-konsegwenza li dan jaħbat.

Dan is-suldat, fetaħ qalbu mal-mara tiegħu fl-2008 u qallha bl-allegazzjoni wara li kien ta’ taħriġ speċjalizzat tas-sewqan lill-Prinċep William, it-tifel tal-Prinċipessa Diana.

Wara ħames snin, il-mara ta’ Soldier N, tkellmet mal-pulizija Ingliza u ġiet interrogata fit-tul ix-xahar li għadda. Waqt l-interogazzjoni hi għaddiet informazzjoni deskritta bħala konvinċenti lill-pulizija, fosthom li f’dan il-komplot kienu użati karrozza bajda u mutur.

L-inċident seħħ 16-il sena ilu taħt mina f’Pariġi u apparti l-Prinċipessa Diana kienu mietu Dodi Al Fayed u Henry Paul ix-xufier tal-Prinċipessa.