“L-MEPs tal-PN ipperikolaw eluf ta’ xogħlijiet bil-vot dwar it-taxxa” – PL; “Gidba faħxija” – PN

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri u l-MEP Miriam Dalli qalu li bil-vot tagħhom fil-Parlament Ewropew favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa, l-MEPs Nazzjonalisti heddew l-impjiegi ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin, peress li vvutaw b’mod li jimmina l-għajxien ta’ eluf.

Dan qaluh f’konferenza tal-aħbarijiet, l-għada tal-programm Xarabank li fih kien hemm dibattitu bejn l-MEPs. L-MEP Miriam Dalli qiegħda tallega li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista vvutaw kontra l-interess ta’ Malta fuq sistemi ta’ tassazzjoni, u hi tat dettalji tal-klawsoli fejn għamlu hekk u ppreżentat lill-ġurnalisti bid-dokumenti relatati. Il-vot kien dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxa, u Dalli qalet li jekk titneħħa l-unanimità, Malta titlef id-dritt li tiddeċiedi hi dwar il-kwistjoni tat-taxxa.

“Il-PN ivvota favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa fl-UE” – Alfred Sant; Jirreaġixxu Casa u Zammit Dimech

Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri saħaq li dak li għadu kif ġie żvelat ilbieraħ “huwa ta’ ġurnata sewda għall-ekonomija Maltija.” Qal li din hi theddida għal ħafna impjiegi, u skontu, tul dawn l-aħħar erba’ snin saru diversi tentattivi mill-Oppożizzjoni biex ikissru l-mudell ekonomiku.

“Gidba faħxija” – MEPs Nazzjonalisti

Min-naħa l-oħra, skont stqarrija ffirmata mill-MEPs Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech, ir-rapport li qed jagħmlu referenza għalih l-MEPs tal-PL huwa rapport li l-MEPs tal-PN ivvutaw kontrih, mhux favurih. Għalhekk, ikkonkludew li din hi “gidba faħxija” min-naħa tal-MEPs Laburisti.

Il-lista tal-MEPs kollha li vvutaw kontra r-rapport finali li qed jagħmel referenza għalih il-Partit Laburista

Jirreaġixxi l-PL

Il-Partit Laburista reġa’ rreaġixxa għat-tweġiba tal-Partit Nazzjonalista, u sostna li kienu l-MEPs tal-Partit Laburista li f’kull stadju tar-rapport ħadu l-pożizzjoni ta’ Malta. Qal li l-MEPs tal-PN ivvutaw kontra li jissaħħaħ il-prinċipju tal-unanimità u favur li l-istituzzjonijiet Ewropej jindaħlu lil dawk finanzjarji ta’ pajjiżna.

Tista’ tara l-vot, kif mibgħut mill-Partit Laburista hawnhekk.