L-MEPs Nazzjonalisti fuq delegazzjonijiet internazzjonali importanti

It-tliet Membri Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia nħatru f’delegazzjonijiet internazzjonali importanti.
Fil-leġiżlatura li jmiss, huma se jirrappreżentaw lill-Parlament Ewropew f’numru ta’ organizzazzjonijiet u f’pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea.
L-MEP David Casa se jkun fl-Assemblea Parlamentari ACP-EJ u fil-Kumitat Parlamentari tat-Turkija u l-Unjoni Ewropea. Min-naħa tagħha, l-MEP Roberta Metsola se tifforma parti mid-Delegazzjonijiet għall-Istati Uniti, għall-Awstralja u għal New Zealand. L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia se tkun ukoll membru tad-Delegazzjoni għar-Relazzjonijiet mal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, l-Assemblea Parlamentari tal-Unjonijiet għall-Mediterran kif ukoll tad-delegazzjoni għar-Relazzjonijiet maċ-Ċina.
Il-Parlament Ewropew għandu total ta’ 44 delegazzjonijiet fi ħdan il-parlament li jżommu relazzjonijiet u kuntatti t’informazzjoni mal-parlamenti ta’ pajjiżi u mhumiex fl-Unjoni Ewropea.