“M’għalaqniex il-bieb f’wiċċ persuni b’diżabbiltà” – l-MEPs Maltin

L-Ewroparlamentari Maltin kollha ċaħdu li għalqu l-bieb f’wiċċ il-membri tal-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabilità (MFOPD) meta ma tawhiex għajnuna finanzjarja biex titla’ Brussell. Sostnew li l-proposta tal-federazzjoni f’April li għadda kienet “impossibbli”.  
Aktar kmieni dan ix-xahar l-MFOPD qalet li l-Ewroparlamentari Maltin naqsu milli jagħtu appoġġ lill-persuni b’diżabilità, minħabba li l-federazzjoni ma setgħetx tipparteċipa fil-Parlament Ewropew għall-Persuni b’Diżabilità, mingħajr l-għajnuna finanzjarja tagħhom.
“Il-postijiet li kellna allokati kienu ilhom assenjati mill-bidu tas-sena” – MEPs Laburisti
L-Ewroparlamentari Laburisti Marlene Mizzi, Alfed Sant u Miriam Dalli spjegaw lil Newsbook.com.mt li kull Ewroparlamentari jista’ jistieden sa 110 persuni fis-sena, biex jitilgħu jżuru l-Parlament Ewropew fi Brussell jew Strażburgu, u li b’xorti ħażina, il-postijiet li kellhom allokati għad-dati stipulati kienu laħqu ġew assenjati sa meta saritilhom it-talba mill-MFOPD.
Il-President tal-MFOPD, Marthese Mugliett, ikkonfermat dan, u qalet fi stqarrija li l-federazzjoni kienet irċeviet stedina alternattiva f’Ġunju li għadda mingħand l-Ewroparlamentari Dalli li setgħet ittella’ sa żewġ membri mill-federazzjoni għal żjara edukattiva ta' jumejn fil-Parlament Ewropew.  
Madanakollu, il-programm tal-Parlament Ewropew għall-Persuni b’Diżabilità kien għadu ma ħariġx mill-Kummissjoni Ewropea sa dak iż-żmien, u għalhekk il-federazzjoni ma setgħetx taċċetta l-istedina.
“Għal liġijiet ta’ kulħadd, hemm bżonn parteċipazzjoni ta’ kulħadd” – Dalli
Min-naħa tagħha, l-Ewroparlamentari Dalli, li indirizzat l-ewwel dibattitu waqt ir-raba’ edizzjoni tal-Parlament Ewropew għal Persuni b’Diżabilità, qalet lil Newsbook.com.mt li, “l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fil-politika huwa suġġett għal qalbi ħafna għax nemmen bis-sħiħ li biex il-liġijiet ikunu ta’ kulħadd, hemm bżonn il-parteċipazzjoni sħiħa ta’ kulħadd.”
L-MFOPD faħħret il-ħidma tal-Ewroparlamentari Dalli fejn jidħlu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ persuni b’diżabilità, u sostniet li dejjem sabitha lesta biex tagħti daqqa t’id fejn setgħet, speċjalment meta l-federazzjoni organizzat il-Konferenza Ewropea dwar l-Opportunitajiet ta’ Xogħol għall-Persuni b’Diżabilità u l-Iżvantaġġati, fi Frar li għadda.
“Ħadd mill-MFOPD m’attenda għall-konferenza li organizzajt f’Malta” – Mizzi
Filwaqt li saħqet li se tkompli titkellem favur id-drittijiet ta’ persuni b'diżabilità bħala ċittadini daqs l-oħrajn u toffrilhom l-għajnuna tagħha kemm fl-Ewropa kif ukoll f’Malta, l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi lmentat li l-ebda membru tal-MFOPD ma attenda għall-konferenza li organizzat mal-Kummissjoni tal-Persuni b'Diżabilità f'Malta.
Sostniet li l-konferenza li ġiet organizzata f’Malta kellha tingħata l-istess importanza li ngħatat dik li seħħet fi Brussell.
Skontha, il-kontribut tal-MFOPD kien ikun siewi ladarba l-konferenza indirizzat kwistjonijet li jolqtu lill-persuni li l-federazzjoni qed tirrappreżenta.
L-Ewroparlamentari Laburisti Maltin sostnew li l-ħidma favur il-persuni b’diżabilità tibqa’ waħda ta’ prijorità għalihom, u li d-deċiżjoni li kellha tittieħed ma tirrifletti l-ebda ħsieb li s-sehem tal-persuni b'diżabbiltà fil-ħajja politika għandu jingħata importanza mnaqqsa.
“Nagħtu għajnuna lill-organizzazzjonijiet biex proposti tagħhom jitqajmu fil-PE” – MEPs Nazzjonalisti
L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti saħqu fit-tweġibiet tagħhom, li b’mod regolari jippromwovu l-aċċess għal programmi u servizzi għall-persuni b’diżabilità, u jagħtu wkoll għajnuna lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam, biex proposti li jsiru minn organizzazzjonijiet Maltin jitqajmu fil-livell Ewropew.
“Ma rċivejtx talbiet; lest noffrilhom kull għajnuna” – Zammit Dimech
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li ma rċieva l-ebda talba mingħand l-MFOPD minħabba li l-istess talba saret meta Therese Comodini Cachia kienet għadha kif ġiet eletta Membru Parlamentari f’Malta u hu kien għadu ma nħatarx Membru Parlamentari Ewropew.
Madanakollu, kelliem għal Zammit Dimech qal lil Newsbook.com.mt li l-Ewroparlamentari huwa lest li joffri lil rappreżentanti għall-persuni b’diżabilità, għajnuna mhux biss finanzjarja iżda wkoll politika, jekk jiġu bżonnha.