L-MEPs Maltin impenjati f’diversi kumitati

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, David Casa ġie elett bħala l-mexxej tal-Kumitat għax-Xogħol u l-Affarjiet Soċjali fi ħdan il-Partit Popolari Ewropew.
L-elezzjoni biex jintagħżlu l-koordinaturi fi ħdan l-EPP saret ilbieraħ fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.
L-irwol ta’ Casa se jkun li jmexxi grupp ta’ konsulenti u li jorganizza x-xogħol tal-EPP fi ħdan il-Kumitat.
David Casa rringrazzja lill-kandidat l-ieħor, l-MEP Thomas Mann, tal-kampanja ġusta li għamel. Casa tela’ bi 19-il vot kontra d-disa’ li ġab Mann.
Intant, il-Membri Ewroparlamentari ukoll ġew eletti f’irwoli differenti.
Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista, Dr Alfred Sant ġie appuntat fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju. 
L-MEP Laburista Marlene Mizzi ġie appuntata Viċi President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet.
Dan wara li lbieraħ l-MEP Nazzjonalista, Roberta Metsola ukoll inħatret bħala Viċi President f’dan l-istess kumitat.
Il-Membru Ewroparlamentari Miriam Dalli se tkun qed tagħmel parti mill-Kumitat dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sigurta’ fl-Ikel.