​L-MEPs jissikkaw ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali

Il-Parlament Ewropew ivvota biex jiddaħħlu regoli li jħarsu aħjar id-data personali taċ-ċittadini tal-UE li tiġi trasferita lejn pajjiżi barra mill-UE.
L-għan tar-regoli l-ġodda hu li jagħtu kontroll akbar liċ-ċittadini fuq id-data personali tagħhom u li jkun hemm l-istess regoli fil-pajjiżi kollha tal-UE.
L-MEPs żiedu wkoll il-multi imposti fuq kumpaniji li jiksru r-regoli sa €100 miljun jew 5% tal-fatturat globali tagħhom.
Il-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data ilhom li saru 19-il sena u għandhom bżonn urġenti li jinbidlu biex iżommu mal-progress li sar fit-teknoloġija, il-globalizzazzjoni, u l-użu dejjem akbar tad-data personali.
Il-Parlament Ewropew ivvota fuq l-ewwel qari tal-abbozz leġiżlattiv biex jikkonsolida x-xogħol imwettaq s'issa u jgħaddih lill-Parlament li jmiss. Dan jiżgura li l-MEPs eletti f'Mejju ma jkollhomx jibdew il-proċess mill-bidu imma jkomplu fuq ix-xogħol li sar matul dan il-mandat.