L-MEPs jisħqu kontra dħul aġevoli għall-kriminali fl-UE bil-bejgħ tal-passaporti

Read in English.

Il-membri parlamentari Ewropej (MEPs) tkellmu kontra l-bejgħ tal-passaporti u ddeskrivew skemi bħal dawn bħala dħul aġevoli għall-kriminali fl-Unjoni Ewropea.

Waqt dibattitu fil-plenarja mal-Kummissarju għall-Ġustizzja Didier Reynders, l-MEPs insistew li ċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea ma tistax issir bi skambju bħalma jsiru prodotti u servizzi oħra. Huma tkellmu dwar ir-riskji li joħolqu dawn l-iskemi li jkun hemm ħasil tal-flus, evażjoni tat-taxxa u korruzzjoni.

Issoktaw jgħidu li li tingħata ċ-ċittadinanza tal-UE lil nies ġejjin minn pajjiżi terzi mingħajr trasparenza u mingħajr ma jiġu ċċekkjati sewwa l-affarijiet għandha konsegwenzi negattivi fuq l-istati membri l-oħra, u twassal biex il-fiduċja bejn il-pajjiżi tisfaxxa fix-xejn.

Diversi kelliema rreferew għall-iskandlu riċenti f’Ċipru, fejn uffiċjali għoljin, inkluż l-Ispeaker tal-Parament, ġew irrekordjati joffru li jassistu lil eżekuttiv Ċiniż b’kondotta maħmuġa biex jikseb passaport Ċiprijott mill-iskema nazzjonali tal-investiment biċ-ċittadinanza. L-MEPs irrikonoxxew ukoll l-azzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea kontra Ċipru u Malta din il-ġimgħa minħabba l-bejgħ tal-passaporti. Uħud ilmentaw li l-Kummissjoni damet wisq biex tieħu azzjoni.

Xi MEPs innutaw li s-sehem tad-dħul minn dawn il-programmi huwa sinifikanti għal pajjiżi żgħar, filwaqt li ħafna argumentaw li l-valuri u d-drittijiet tal-UE m’għandhomx ikunu għall-bejgħ.