L-MEPs jinnominaw lil Prof. Gauci u lill-professjonisti tas-saħħa għal premju Ewropew

Prof. Charmaine Gauci

Read in English.

Is-sitt MEPs Maltin innominaw b’mod konġunt lil Prof. Charmaine Gauci, lit-tim tagħha, u lillprofessjonisti u l-voluntiera kollha tal-kura tas-saħħa li għenu biex jikkoordinaw ir-rispons tas-saħħa pubblika ta’ Malta għall-pandemija tal-COVID-19 għal premju Ewropew.

Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-MEPs innominaw lil dawk il-persuni għall-Premju taċ-Ċittadini Ewropej tal-2020. Prof. Charmaine Gauci hija s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika.

“Is-sitt MPE – Miriam Dalli, Roberta Metsola, Alfred Sant, David Casa, Alex Agius Saliba u Josianne Cutajar – innominaw lill-Professur Gauci u t-tim tagħha bħala rappreżentanti tal-mijiet ta’ ħaddiema tas-saħħa u voluntiera f’Malta u Għawdex,” qal il-PL.

“It-tmexxija tal-Professur Gauci matul l-agħar tal-pandemija flimkien mat-tim tagħha ta’ professjonisti dedikati u tant voluntiera, fissru li Malta u Għawdex setgħu jirreaġixxu għall-pandemija b’effikaċita liema bħala, u allura llimitaw mill-ewwel t-tixrid tal-kontaġju. L-istil ta’ komunikazzjoni miftuħ u sempliċi tagħha kien ifisser li n-nies kienu qed jinżammu infurmati sewwa dwar il-miżuri u dak li għandhom bżonn jagħmlu biex jinżammu siguri,” qal il-PL.

“Il-Professur Gauci u t-tim tagħha huma xhieda tal-valuri Maltin u Ewropej fil-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq ix-xjenza għall-kura tas-saħħa u miżuri oħra immirati biex irażżnu l-kontaġju. Għalhekk, dawn huma rappreżentanti denji tal-ħila Maltija biex tingħeleb il-pandemija u jistħoqqilhom ikunu rikonoxxuti,” kompla jgħid il-PL.

Fil-bidu ta’ Ġunju l-Partit Nazzjonalista qal li se jinnomina lis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci għall-unur ta’ Ġieħ ir-Reppubblika.

Il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ppreżentaw mozzjoni biex il-Kunsill Lokali jagħti l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi lis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci.