L-MEPs jaqblu dwar Bjorn għal Premju Ewropew

Is-sitt Maltin membri tal-Parlament Ewropew miż-żewġ naħat qablu li għal din is-sena għandhom jinnominaw lill-attivist tal-ALS Bjorn Formosa għall-Premju Ċittadin Ewropew 2018.
Kull sena, il-Parlament Ewropew jippremja individwi u gruppi li jkunu ddistingwew lilhom innifishom biex jipprowovu valuri Ewropej.
Il-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista, Marlene Mizzi u Miriam Dalli, fi stqarrija sostnew li minkejja li Bjorn qed jiġġieled marda terminali, huwa ddedika ħinu biex jgħin lil ħaddieħor “billi jżid il-kuxjenza, jiffinanzja r-riċerka u jiftaħ dar għal pazjenti tal-ALS”.
Huma sostnew li Bjorn wera xi tfisser li wieħed jaħseb f’ħaddieħor u xi tfisser li toffri ruħek għas-soċjetà u għal din ir-raġuni sostnew li għandu jiġi rikonoxxut u ppremjat.
Min-naħa tagħhom, l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech fi stqarrija qalu li hu obbligu tagħhom bħala Membri tal-Parlament Ewropew, li jippromwovu x-xogħol tal-voluntiera Maltin u Għawdxin.
Sostnew li minkejja li oriġinarjament huma kienu nnominaw lid-Dar tal-Providenza għal dan l-unur, wara diskussjonijiet mal-kollegi Dalli u Mizzi, iddeċidew li jingħaqdu fl-appoġġ tan-nominazzjoni tal-MEPs tal-Partit Laburisti ta’ Bjorn Formosa.
Għaldaqstant, l-MEPs tal-Partit Laburista wiegħdu li se jkunu qed jagħtu l-kelma tagħhom li s-sena d-dieħla jappoġġjaw in-nominazzjoni tad-Dar tal-Providenza għal dan il-premju prestiġġjuż.