​L-MEPs jappellaw lill-politiċi jitkellmu fuq id-drittijiet umani meta jkunu fiċ-Ċina

Numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew qed jappellaw biex delegazzjonijiet li jintbagħtu lejn iċ-Ċina b’rabta man-negozju għandhom jibdew jitkellmu wkoll dwar id-drittijiet umani.
Stanislav Polčák mill-Partit Popolari Ewropew qal li jkun għaqli li kieku l-pajjiżi tal-Ewropa jiftehmu biex jitkellmu dwar id-drittijiet umani kull meta jibagħtu xi delegazzjoni lejn iċ-Ċina. José Inácio Faria mill-istess partit appella biex numru ta’ attivisti li ġew arrestati fiċ-Ċina jinħelsu b’mod immedjat.
Fabio Castaldo qal li wieħed minn dawk arrestati jista’ jeħel aktar minn 15-il sena ħabs minħabba t-twemmin tiegħu. Qal li matul in-negozjati fil-futur maċ-Ċina jrid ikun hemm ukoll diskussjoni fuq id-drittijiet umani u mhux biss dwar in-negozju.
Anna Fotyga mill-partit konservattiv qalet li ċ-Ċina li huwa tant krudili mal-attivisti huwa wieħed mill-pajjiżi li jsir ħafna negozju miegħu mill-Unjoni Ewropea.
Molly Scott Cato mill-partit tal-ħodor spjegat li r-reżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tisħaq fuq l-importanza tan-negozjati relatati mad-drittijiet umani. Qalet li l-liġi kriminali taċ-Ċina qed tintuża kontra l-minoritajiet fil-pajjiż.
Ana Gomes mill-partit Soċjo-Demokratiku qalet li ċ-Ċina għandha tieqaf mir-ripressjoni kontra l-attivisti. Qalet li hemm bżonn li ssir aktar pressjoni fuq iċ-Ċina b’mod kostruttiv biex is-sitwazzjoni tinbidel.