​L-MEPs iridu jiffaċilitaw żvelar ta’ informazzjoni anke b’mod anonimu

Il-Membri tal-Parlament Ewropew qed jeżiġu li l-Istati Membri tal-UE jintroduċu mezzi ta’ rappurtaġġ, biex jiffaċilitaw l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta anke b’mod anonimu.
Fi stqarrija l-Parlament Ewropew sostna li l-protezzjoni għall-informaturi tvarja minn pajjiż għall-ieħor u qed għalhekk qed jagħmel sejħa għall-protezzjoni legali kontra r-ritaljazzjoni u mezzi aktar ċari ta’ rappurtaġġ. 
Semma kif għandu jkun hemm entitajiet nazzjonali indipendenti , responsabbli biex jivverifikaw il-kredibilita’ ta’ min ikun qed jikxef din l-informazzjoni, kif ukoll awtorità fuq livell Ewropej sabiex tiffaċilita koordinazzjoni f’każijiet bejn pajjiżi differenti. 
Il-Membru Franċiża tal-Parlament Ewropew Virginie Roziere qalet li Luxleaks, il-Panama Papers u l-Monsanto Papers ħarġu kollha grazzi għall-informaturi, li ħolqu għarfien kollettiv fuq ksur ta’ interess pubbliku. Permezz tar-riżoluzzjoni, qed issejjaħ biex jiġu stabbiliti regoli li jipproteġu l-informaturi u d-drittijiet tagħhom biex jinformaw direttament liċ-ċittadini.