“L-MEPs iridu jaħdmu favur UE għaċ-ċittadini kollha” – Żminijietna

REUTERS/Toby Melville

L-għaqda Żminijietna – Leħen ix-Xellug sostniet li l-Membri għall-Parlament Ewropew għandhom jaħdmu għal Ewropa li tipproteġi l-interessi taċ-ċittadini kollha, inkluż tfal, ħaddiema, foqra, komunitajiet etniċi u ta’ minoranzi, immigranti u refuġjati.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni sostniet li l-kandidati prospettivi għandhom jiffukaw fuq Ewropa Soċjali, Progressiva u Ekoloġika. Sostniet li ċ-ċittadini Ewropej għandhom igawdu minn aktar drittijiet li jagħtuhom is-setgħa li jipparteċipaw aktar fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell Ewropew.

L-istqarrija tkompli tgħid li l-MEPs għandhom jaħdmu flimkien ma’ forzi oħra xellugin u progressivi għal Protokoll Soċjali ġdid li jipproteġi d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u biex jinkiseb il-progress soċjali. Dwar it-tibdil fil-klima, l-organizzazzjoni ħeġġet lill-MEPs prospettivi Maltin sabiex jagħtu importanza l-politika għall-bidla fil-klima li tagħti s-setgħa lill-komunitajiet, tagħti d-dritt għal għajxien sostenibbli u d-dritt għall-enerġija rinnovabbli.