L-MEPs għalenija jridu lil Muscat jitlaq

Malta's Prime Minister Joseph Muscat talks to the media as he arrives at his office at Auberge de Castille in Valletta, Malta, December 2, 2019. REUTERS/Vincent Kessler

Waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-saltna tad-dritt f’Malta kienu l-ewwel item fuq l-aġenda għad-diskussjoni.

Waqt id-dibattitu spikkaw is-sejħiet ripetuti u insistenti biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jitlaq immedjatament biex ma jkun hemm l-ebda dubju li l-investigazzjonijiet dwar l-assassinju jkunu bla mittiefsa.

Kummenti qawwija saru mill-kapijiet tal-gruppi politiċi fejn kien hemm min qal li jekk l-UE ma taċċettax li jkollha pajjiż ekonomikament fallut kif tista’ taċċetta li jkollha fi ħdanha pajjiż moralment fallut.

Is-soċjalisti iżda ma ssieħbux mas-sejħa biex Muscat jitlaq minnufih u minflok qalu li filwaqt li qtil huwa reat, l-UE għandha titratta lill-pajjiżi kollha bl-istess mod.

L-argument ewlieni min-naħa tal-Partit Popolari Ewropew, tal-Grupp  tal-Ħodor u gruppi oħra bħal Renew u ID kien li l-qtil ta’ Caruana Galizia mhux biss huwa reat imma huwa wkoll reat li qed jirċievi l-protezzjoni ta’ nies mill-aktar b’saħħithom fil-gvern Malti. Huma qalu li minħabba f’hekk il-fiduċja fl-istituzzjonijiet iddgħajfet u l-poplu Malti mhux jemmen li l-investigazzjonijiet mhumiex imbagħbsa. Għalenija, mal-50 kelliem talbu lil Muscat jitlaq minnufih, b’uħud jistaqsu x’qed iwassal biex dan jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter. Huma qalu wkoll li meta l-ġurnalisti ma jkunux imħarsa, min suppost jgħasses lill-politiċi ikun qed jitqiegħed f’pożizzjoni mwiegħra u minħabba f’hekk is-saltna tad-dritt tiddgħajjef. Qalu li għalkemm Malta tidher li trid tagħmel il-bidliet li rrakkomandat il-Kummissjoni Venezja, il-gvern jidher li qed ikaxkar siequ. Ħeġġew, għalhekk lill-gvern biex jieħu dawn ir-riformi b’aktar serjetà.

Kummenti Notevoli:

Esteban Gonzales Pons: La l-UE ma taċċettax pajjiż li huwa ekonomikament fallut, kif tista’ taċċetta pajjiż li huwa moralment fallut?

Sven Giegold: Investigaw u oħorġu infringments fuq l-iskemi tal-bejgħ tal-passaporti u l-permessi tal-iżvilupp.

Sophie In t’Veld: Qed nagħmluha ma’ kriminali kbar li lesti li joqtlu biex tgħaddi tagħhom u li għandhom rabtiet saħansitra mal-Uffiċċju tal-Prim Minsitru. Il-preżunzjoni tal-innoċenza ma għandha qatt issir il-pretensjoni tal-innoċenza.

Assita Kenko: Fil-kontinent li welled il-moviment tal-Imdawlin (Entlightenment) aċċettajna li ġurnalista tinqatel.

Stelios Kouloglou: Muscat irid jitlaq, issa.

Roberta Metsola: Ma jmissniex qegħdin nipprotestaw fit-toroq kontra Prim Ministru li juża flus il-poplu biex iħallas armata ta’ persuni biex jheddu u jibbuljaw lill-ġurnalisti onlajn.

David Casa: M’aħniex interessati f’espressjonijiet fiergħa ta’ tħassib u wegħdi ta’ monitoraġġ. Nisħqu li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-UE jagħmlu xogħolhom. Ma ħaqqa xejn anqas minn hekk.

Il-grupp tas-Soċjalisti, minn naħa l-ohra argumentaw li filwaqt li l-qtil ta’ Caruana Galizia huwa reat, ġurnalisti jinqatlu, ikunu mhedda u intimidati madwar id-dinja kollha. Ġabu xebħ mas-sitwazzjoni fil-Polonja u fl-Ungerija fejn hemm ukoll, l-UE għandha tħassib kbir dwar is-saltna tad-dritt u qalu li l-UE trid timxi l-istess ma’ kulħadd. Innutaw li s-sitwazzjoni f’Malta issa hija waħda ta’ tranżizzjoni fejn il-Prim Ministru rriżenja u issa l-pajjiż qed jipprova jimxi ‘l quddiem.

Kummenti Notevoli:

Alfred Sant: Malta għamlet progress ekonomiku u soċjali kbir u mhux sew li dan mhux qed ikun rikonoxxut. Sar ukoll impenn biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja jitwettqu.

Birgit Sippel: Bħalissa Malta hija simbolu tal-korruzzjoni u dan irid jinbidel

Miriam Dalli: Ħadd ma huwa ’l fuq mil-liġi u t-tneħħija tal-preskrizzjoni minn fuq atti tal-korruzzjoni jfisser li l-ġustizzja għad issir.

Juan Fernando Lopez Aguilar: Irridu naraw li l-bejgħ tal-passaporti li jippermetti lil mafjużi jivvjaġġaw b’impunità jitrażżan.

Josianne Cutajar: Imissna nsaħħu l-valuri Ewropej u mhux nieħdu pożizzjoni bbażata fuq il-partiti.

Alex Agius Saliba: L-istituzzjonijiet tagħna jaħdmu u jaħdmu sew.