L-MEP Għawdxija b’kariga favur l-ugwaljanza

Il-Membru Parlamentari Josianne Cutajar ġiet maħtura bħala Rapporteur Permanenti għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kumitat tal-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE).

F’din il-kariga Josianne Cutajar se tkun parti mill-Kumitat importanti li jiffoka fuq kif kull proposta u politika jħaddnu l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. L-irwol ta’ Cutajar huwa li tassigura rappreżentanza bilanċjata bejn il-ġeneri.

Għal din il-kariga Cutajar esprimiet is-sodisfazzjon tagħha, li l-attiviżmu tagħha f’dan is-settur qed jiġi rikonoxxut. Kompliet li għaliha l-bilanċ mhuwiex li jittieħed xi dritt mill-irġiel biex jingħata lin-nisa iżda li l-ugwaljanza tfisser li kulħadd igawdi minn opportunitajiet indaqs.

Il-Membru Parlamentari għamlet referenza għal dak li għamlet il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea tas-Soċjalisti u Demokratiċi Ursula Von der Leyen fejn hemm bilanċ assolut bejn in-nisa u l-irġiel fin-nominazzjoni tal-Kummissjoni l-ġdida. Kompliet li dan il-bilanċ fil-Kummissjoni, flimkien mal-kariga l-ġdida ta’ Kummissarju Ewropew responsabbli speċifikament mill-Ugwaljanza fl-Ewropa li kif huwa previst din il-kariga se tingħata lil Helena Dalli.

Josianne Cutajar ilha taħdem għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri minn snin ilu l-aktar fi ħdan in-Nisa Laburisti, hija kienet ittella’ suġġetti importanti u miżuri favur il-familja fuq l-aġenda nazzjonali. Fil-professjoni tagħha bħala avukat, hija ħadmet mill-qrib ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, u fl-aħħar xhur tkellmet ukoll fuq miżuri effettivi biex jitkissru strutturi soċjali li jpoġġu lill-mara fi żvantaġġ għall-progress professjonali tagħha. Cutajar tifforma parti wkoll mill-Kumitat tekniku dwar azzjoni pożittiva biex jiżdied il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-Parlament Malti.

Cutajar qalet li dan huwa biss il-bidu. Saħqet li hija trid li l-politika Ewropea, fis-setturi varji, tkun waħda li tagħti aktar setgħa lil min huwa diskriminat. Żiedet li “Dan nistgħu nagħmluh biss jekk il-politika Ewropea tkun, sa mill-bidu tagħha, allinjata mal-prinċipji tal-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, sabiex verament taħdem għal kulħadd.”