L-MEIA tappella li jitwaqqfu xi attivitajiet li jattiraw lill-barranin

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni tad-Divertiment u l-Arti f’Malta (MEIA) appellat biex l-attivitajiet il-kbar ma jibqgħux isiru minħabba l-coronavirus, sabiex dawn ma jibqgħux jattiraw lill-barranin, u b’hekk titrażżan l-imxija tal-coronavirus.

Fi stqarrija ppubblikata dalgħodu, l-assoċjazzjoni li twaqqfet riċentament issuġġeriet affarijiet li jistgħu jsiru sabiex tittaffa l-imxija, wara li fl-aħħar jiem, l-għadd ta’ każijiet attivi għola b’14-il każ f’jum biss. Il-maġġoranza ta’ dawn feġġew minn party li sar ġo lukanda f’San Ġiljan.

Il-miżuri proposti qegħdin isiru sabiex ma jkunx hemm “il-bżonn drastiku li jwaqqfu lin-nies milli jgawdu.”

X’inhi tipproponi l-MEIA?

  • Li l-kapaċità massima ta’ udjenza tkun stabbilita għal proporzjon applikat skont id-daqs tal-post, wieħed ċar u mhux miftuħ għall-interpretazzjoni.
  • Li L-avvenimenti kollha mhux ikkontrollati mingħajr daħla għal avveniment prinċipali jieqfu peress li t-traċċar tal-kuntatt ma jistax ikun effettiv.
  • Fejn il-post tal-avveniment ma jkunx magħluq b’mod naturali, l-MEIA tissuġġerixxi li tiġi infurzata fruntiera biex tinħoloq daħla prinċipali. Għandu jiġi infurzat li tittieħed it-temperatura, li jintuża s-sanitiser mad-dħul, li d-dettalji/il-karta tal-identità jiġu skenjati mad-dħul, li jintużaw visors/maskri u jiġi infurzat it-tbegħid soċjali, li l-ħaddiema jilbsu l-maskri anke f’postijiet fuq barra.
  • Li l-Gvern isegwi l-linji gwida u regolamenti maħruġa għal avvenimenti pubbliċi.
  • Li l-miżuri jiġu infurzati b’avviż legali.
  • Li jkun hemm tim ta’ sorveljanza fl-avvenimenti biex jara li dawn ir-regoli qed jiġu obduti.

L-MEIA insistiet fuq l-importanza tas-suq lokali u saħqet li, “L-industrija lokali ma tistax tiġi ppenalizzata għall-avvenimenti tal-massa ppubbliċizzati f’Malta li huma mmirati speċifikament lejn dawk li jivvjaġġaw lejn Malta minn pajjiżi b’riskju għoli fl-Ewropa, fejn pajjiżi bħar-Renju Unit mhumiex jippermettu avvenimenti tal-massa minħabba n-numru għoli ta’ każijiet tagħhom. Hemm tħassib kbir fost l-industrija u diversi entitajiet. Kellna u għad għandna l-opportunità li niffukaw fuq is-suq lokali.”

L-assoċjazzjoni żiedet tgħid li tirrikonoxxi kemm saru sagrifiċċji fix-xhur li għaddew fl-industrija tad-divertiment, u kif issa tinsab fil-proċess twil li tirkupra mid-daqqa li ħadet. Hija, sadattant, se tibqa’ tiltaqa’ mal-awtoritajiet rispettivi sabiex tissalvagwardja l-industrija lokali tad-divertiment u l-arti.