L-MEA trid lill-Gvern jaqsam il-piż tas-sigurtà soċjali għal-leave tal-maternità

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ma taqbilx mal-proposta tal-Gvern, li min iħaddem għandu jħallas 0.3% iktar ta’ ħlas tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema kollha biex ipatti għal-leave tal-maternità.
Il-proposta tal-Gvern hi li min iħaddem ma jibqax iħallas l-14-il ġimgħa leave tal-maternità lill-omm impjegata tiegħu, imma li l-ħlas isir mill-Gvern. Minflok, il-Gvern qed jipproponi li jgħolli r-rata tas-sigurtà soċjali li jħallas kull min iħaddem fuq kull ħaddiem.
L-MEA qed toġġezzjona u tinsisti li biż-żieda fuq kulħadd ta’ din it-taxxa, dawk li jħaddmu iktar irġiel milli nisa se jispiċċaw penalizzati, għax se jkollhom iħallsu iktar taxxa meta m’għandhomx daqshekk ħaddiema nisa.
Qalu li filwaqt li din il-proposta tneħħi l-iżvantaġġ għan-nisa biex jaħdmu fis-settur privat, għax il-leave tal-maternità ma tibqax spiża diretta għal min iħaddem, madankollu mhux ġust li l-piż kollu jmur fuq is-settur privat. Mhux ġust lanqas, skont l-MEA, li l-Gvern, li jħaddem 10% iktar nisa mill-privat, ma jħallasx iktar.
Għalhekk, qed tinsisti li ż-żieda fis-sigurtà soċjali għandha tinqasam b’mod indaqs bejn il-Gvern u l-privat, filwaqt li trid rapporti li juriha kif il-Gvern wasal għal din iż-żieda li qed jipproponi.
Qed jinsistu wkoll li f’kull statistika li tinħareġ jingħad ċar li l-leave tal-maternità qed tibqa’ titħallas minn min iħaddem, u li din il-miżura ma toħloqx preċedent għal żidiet fil-ħlas tas-sigurtà soċjali.
Fl-aħħarnett, l-MEA qed titlob ukoll bidla fis-sistema tal-leave. Ma tridx li l-leave normali jibqa' jiżdied mal-leave tal-maternità, u li s-sitt xhur xogħol li l-omm hi obbligata li tagħmel kif tidħol lura wara l-maternità, ikunu definiti f’għadd ta’ sigħat, biex titħaddem iktar flessibilità fuq il-post tax-xogħol.