L-MEA trid li titnaqqas il-paga ta’ ħaddiema tal-Gvern weqfin

Read in English.

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) ħarġet stqarrija sabiex tikkjarifika x’qalet hi fil-jiem li għaddew dwar miżuri addizzjonali li temmen li għandhom jittieħdu fil-konfront tal-coronavirus. L-Assoċjazzjoni hi tal-fehma li l-pagi ta’ dawk li bħalissa mhumiex jaħdmu għandhom jitnaqqsu, iżda mhux il-pagi tas-settur pubbliku kollu, kif qalet li ġie rrappurtat.

Spjegat li din l-informazzjoni żbaljata ġiet imtennija mill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija (MPA) u mill-Unjin Ħaddiema Magħqudin (UĦM), li kkritikaw is-suġġeriment tal-MEA, peress li fehmu li hi proponiet li l-pagi tas-settur pubbliku kollu jitnaqqsu. L-Assoċjazzjoni sostniet li l-pulizija qegħdin jagħmlu xogħol tajjeb ħafna u bl-ebda mod ma trid tirrakkomanda li jitħallsu inqas, u l-istess dipartimenti oħra fi ħdan is-settur pubbliku.

Madankollu sostniet li impjegati li bħalissa huma qiegħda għax m’hemmx xogħol disponibbli għalihom, ma jistgħux jistennew il-paga sħiħa, inkluż allowances, filwaqt li oħrajn fis-settur privat li qegħdin fl-istess sitwazzjoni jitħallsu inqas jew jaffaċċjaw il-possibbiltà li jitkeċċew.

“Għaliex impjegat tal-Gvern bla xogħol jippretendi li jkollu iżjed drittijiet minn wejter ġo restorant li għalaq?” stqarret l-MEA.

Unjin oħra li ma qablitx ma’ dak li qalet l-MEA, li iżda, fehmet li l-MEA qed tirreferi għas-settur pubbliku kollu, kienet il-General Workers’ Union (GWU).

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ, il-GWU qalet li, “Ħaddiema kemm ta’ servizz pubbliku kif ukoll ta’ settur pubbliku qed jaħdmu bis-sħiħ f’ħafna oqsma u tassew qed jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom fosthom ħaddiema tas-sigurtà, ħaddiema tad-dwana, indafa pubblika, ħaddiema ġewwa AWAS, ħaddiema fil-manutenzjoni, Identità Malta, ħaddiema li jieħdu ħsieb l-anzjani, ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija bħal WSC, ERL u ARMS Ltd, fost ħafna oħrajn. Il-GWU tinnota l-fatt ukoll li numru ta’ ħaddiema qed ikollhom joqogħdu wkoll ġo hotels jew appartamenti ‘il bogħod mill-familji tagħhom, biex ikunu jistgħu jibqgħu jagħtu servizz lis-soċjetà. Ħafna ħaddiema oħra aċċettaw biex jiċċaqilqu mill-post tax-xogħol tagħhom u marru jagħtu servizz fejn hemm l-aktar ħtieġa.”

F’dan id-dawl, il-GWU temmen li l-ħaddiema tal-Gvern għandhom jitfaħħru ta’ xogħolhom u mhux “jiġu kkastigati intortament.”