​L-MEA tqis diskors fil-Parlament bħala b’ton kontra min iħaddem

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) iddeskriviet id-diskors tal-Ministru Evarist Bartolo fil-Parlament ilbieraħ bħala wieħed li kellu ton kontra min iħaddem.
Il-Ministru kien qed jitkellem fil-ftuħ tad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.
L-MEA sostniet li ħafna kumpaniji mhumiex f’pożizzjoni li jkunu jafu kemm mill-ħaddiema tagħhom għandhom b’diżabilità u għalhekk ma jistgħux ikunu jafu humhiex konformi mal-liġi. L-assoċjazzjoni semmiet każijiet fejn kumpaniji talbu informazzjoni u ntqalilhom li kellhom diġà impjegati b’diżablitàu għalhekk kienu diġà konformi mal-liġi.
L-MEA sostniet li r-realtà hi li hemm biss 550 persuna b’diżabilità li qed tirreġistra għax-xogħol. Staqsiet jekk il-Ministru hux jipproponi li d-19,000 persuna oħra, li hi uffiċjalment b’diżabilità, għandhiex tibda tirreġistra għall-qgħad.
L-assoċjazzjoni qalet li tant taqbel ma’ miżuri realistiċi li ressqet proposti konkreti dwar kif jiżdiedu l-ħaddiema b’diżabilità u kif jiġu infurzati regolamenti.
Spjegat li ilha sitt xhur li talbet lill-ETC biex isiru sessjonijiet ta’ informazzjoni biex jiġu ċċarati mistoqsijiet dwar dak li qed jipproponi l-Gvern imma s’issa t-talba tagħha għadha ma ntlaqgħetx.
L-assoċjazzjoni qed tinsisti li min iħaddem għandu d-dritt li jingħata l-informazzjoni li qed jitlob qabel ma l-Gvern jibda jimponi multi għal allegat ksur ta’ liġi. Sostniet li fl-aħħar mill-aħħar, l-għan tal-liġi mhux li tiġbor iktar flus imma l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità.