L-MEA tistieden lill-Gvern jagħti l-eżempju

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qed tħeġġeġ lill-Gvern biex ikun hu li jagħti l-eżempju u jinforza liġi mgħoddija fl-1969 u jimpjega 2% tal-ħaddiema tiegħu li jkunu persuni b’diżabilità.
L-MEA tenniet il-kritika tagħha għall-fatt li l-Gvern irid jinforza din il-liġi għal dawk li jħaddmu iktar minn 50 persuna, inkluż għas-settur privat, waqt li laqgħet l-isforz li qed jagħmel il-Gvern biex idaħħal kemm jista’ jkun f’impjieg lil persuni b’diżabilità f’Malta.
Fl-istess ħin, l-MEA stiednet lill-Gvern biex ikun hu li jagħti l-eżempju u jonora l-obbligi tiegħu lejn din il-kwota hekk kif spjegat li s-settur pubbliku qiegħed ferm ’il bogħod mill-minimu li titlob il-liġi.
Fl-istess ħin, l-MEA qalet li kieku l-Gvern jimpjega l-ħaddiema b’diżabilità kif titlob il-liġi, ma jifdalx persuni b’diżabilità jirreġistraw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC).