L-MEA tipproponi shutdown ta’ 6 ijiem

Read in English.

L-Awtorità ta’ Min Iħaddem (MEA) qiegħda tipproponi shutdown ta’ sitt ijiem, mid-19 sal-24 ta’ Marzu.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni appellat għal laqgħa urġenti tal-MCESD sabiex jiġi diskuss l-impatt tal-coronavirus.

L-Assoċjazzjoni spjegat li peress li d-19 ta’ Marzu huwa festa pubblika, peress li hija l-festa ta’ San Ġużepp, ix-xogħlijiet, il-ħwienet u l-iskejjel se jkunu magħluqin. Allura, tipproponi li l-Ġimgħa ma jiftħux lanqas, u mbagħad, wara tmiem il-ġimgħa, ma jiftħux anqas it-Tnejn u t-Tlieta. B’hekk ikun hemm waqfa ta’ sitt ijiem bi tlett ijiem biss ta’ leave. Żiedet tgħid li ħafna kumpaniji diġà taw l-20 ta’ Marzu leave lill-impjegati tagħhom.

L-istqarrija tkompli tgħid li miżura bħal din tista’ twaqqaf it-tixrid tal-virus, peress li n-nies ikunu mħeġġa jibqgħu d-dar kemm jista’ jkun. Minkejja li dan jaf ikollu impatt ħażin fuq in-negozji, l-Assoċjazzjoni tbassar li dan ikun ifisser inqas inkwiet għat-tixrid tal-virus.

Ipproponiet li l-għalliema jikkumpensaw għal dawn il-ġranet permezz ta’ ġranet itwal f’Ġunju, meta l-iskejjel jiftħu sa nofsinhar biss. Dwar il-lukandi, qalet li dawn għandhom jibqgħu miftuħin b’inqas ħaddiema, li diġà hu l-każ f’ħafna minnhom.

Servizzi pubbliċi essenzjali, qalet l-MEA, bħall-isptarijiet u l-pulizija, għandhom jibqgħu jaħdmu bħas-soltu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn