L-MEA taqbel mal-pożizzjoni tal-Prim Ministru dwar il-COLA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) uriet il-qbil tagħha mal-ispjegazzjoni tal-Prim Ministru dwar kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-COLA u d-dikjarazzjoni tiegħu li se jirrispetta dak li joħroġ mill-mekkaniżmu.
L-Assoċjazzjoni appellat lill-pubbliku biex ikun konxju dwar kif jaħdem il-mekkaniżmu tal-kumpens tal-għoli tal-ħajja.
Saħqet li dan ma jiġix determinat mill-Gvern u lanqas minn xi ftehim bejn il-Gvern u organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, u jekk jinbidel, irid ikun hemm kunsens bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali.
Spjegat li l-Prim Ministru kien korrett meta qal li l-COLA ma tfissirx żieda imma aġġustament awtomatiku li jservi bħala kumpens, ibbażat fuq kif ikunu nbidlu l-prezzijiet fis-sena ta’ qabel.
Għalhekk ikkundannat protesti minn dawk “li suppost jafu aħjar” meta l-COLA kienet baxxa, kif ġara fl-2011 u kif qed jiġri issa.
Madankollu, spjegat, li m’għandha ebda oġġezzjoni għall-fatt li l-Gvern jipprova jgħin direttament lil gruppi vulnerabbli li jistgħu jintlaqtu ħażin minn bidla fil-prezzijiet.
L-MEA qalet li kif ma oġġezzjonatx għall-ħlas ta’ COLA għolja meta l-mekkaniżmu indika dan, bl-istess mod m’għandu jkun hemm ebda oġġezzjoni issa meta l-COLA suġġerita hi baxxa.