L-MDA u l-PN jridu jneħħu obbligi bażiċi ta’ min jikri – NGOs

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi (MDA) u l-Partit Nazzjonalista (PN) jridu jneħħu obbligi bażiċi li jkollu min jikri,skont 15-il għaqda non-governattiva.

Fi stqarrija l-għaqdiet qalu li huma diżappuntati li l-MDA u l-PN qed jissuġġerixxu li jridu li jitneħħew obbligi bażiċi imposti fuq is-sidien tal-kera mill-abbozz li qed jipproponi l-Gvern tal-liġi dwar il-kera.

Skont l-għaqdiet, l-obbligi jistipulaw regoli ta’ diċenza bażika bħall-obbligu li jiġu reġistrati kuntratti li jinkludu inventarju u l-ammont ta’ flus li jkun depożitat. Inkwilin ikollu aċċess għall-kontijiet tad-dawl u ilma u qabel ma jiskadi kuntratt is-sidien tal-kera jkollhom jinfurmaw lill-inkwilin jekk hux se jġeddu l-kuntratt.

“Min jopponi dawn ir-regoli jkun qed jiddefendi l-istatus quo ta’ nuqqas ta’ regolamentazzjoni totali,” qalu l-għaqdiet.

L-għaqdiet qalu li l-abbozz li ġie ppreżentat fil-parlament huwa bbażat fuq ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti mal-Awtorità tad-Djar. Qalu li jekk jitneħħa l-poter tal-awtorità biex tivverifika li persuna hi fil-fatt residenti fi proprjetà, l-abbozz jispiċċa “kważi inutli” għax is-sidien jistgħu jibqgħu għaddejjin kif inhuma bħalissa. Skont l-għaqdiet, l-MDA u l-PN qed jissuġġerrixxu li jsir hekk.

L-għaqdiet qalu li l-Awtorità tad-Djar għandha bżonn l-għodda biex tkun tista’ tivverifika li persuna vera tgħix fir-residenza mikrija.

Qalu wkoll li t-thedded mill-MDA li s-sidien tal-kera se jneħħu l-proprjetà tagħhom mis-suq huwa paroli fil-vojt.

L-għaqdiet li ffirmaw l-istqarrija huma Alleanza Kontra l-Faqar, Forum Komunitá Bormliża, Għaqda għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi, Integra Foundation, Isles of the Left, Malta Gay Rights Movement, Malta Humanist Association, Malta Tenant Support, Men Against Violence, Millennium Chapel, Moviment Graffitti, SOS Malta, Spark 15, Women’s Rights Foundation, Żminijietna – Voice of the Left.

Fi stqarrija separata, l-Għaqda tal-Konsumaturi qalet li saret laqgħa organizzata mill-MDA fejn l-iżviluppaturi u nies li qed jikru l-proprjetà tagħhom għaddew ħafna kummenti negattivi fuq il-ligi li qed tigi proposta dwar il-kirjiet u li din ser tkun ta’ żvantaġġ sew għall-ekonomija u sew għall-konsumaturi li jikru.

“L-Għaqda tixtieq tfakkar li filwaqt li kull min għandu proprjeta’ għandu dritt li juża din il-proprjeta’ biex jaqla’ l-flus, il-konsumaturi li jieħdu l-kirjiet għandhom ukoll drittijiet. Tajjeb li nfakkru li filwaqt li d-drittijiet tal-proprjetarji jikkonċernaw id-dħul minn fuq dawn il-proprjetajiet, id-drittijiet tal-konsumatur jinkludu d-dritt li jkollu saqaf fuq rasu.”