L-MDA titlob li l-valur tal-art fi Smart City jogħla

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA) qed tisħaq li l-Parlament għandu japprova l-masterplan ta’ SmartCity u japprova tibdil fil-prezz tal-art.
Fi stqarrija l-MDA qalet li t-tibdil propost fil-masterpalan għandu viżjoni radikali mill-proġett oriġinali ta’ ċentru teknoloġiku li kellu jimpjega 5,000 persuna. Saħqet li f’dan l-isfond il-prezz baxx tal-art kien ġustifikat. Żiedet tgħid li l-prezz tal-art għandu jogħla għax dan il-proġett se jinbidel f’real estate li se jikkompeti ma’ żvilupaturi privati li jħallsu prezzijiet għoljin beix jixtru art.
Stqarret li għandha parir professjonali li bħalissa s-suq tal-proprjetà hu b’saħħtu ħafna u li l-possibbiltà ta’ bużżieqa fil-prezzijiet hi remota ħafna.
Temmet tgħid li ż-żieda f’daqqa ta’ numru kbir ta’ postijiet residenzjali mibnijin fuq art li nxtrat bi prezz ferm inqas minn dak tas-suq, tista’ tħalli effett negattiv fuq il-perspettiva pożittiva fuq is-suq tal-proprjetà.