L-MDA tappella biex jieqfu l-applikazzjonijiet għall-pompi tal-petrol

L-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupparturi Maltin (MDA) qalet li għandhom jieqfu l-applikazzjonijiet ġodda għall-pompi tal-petrol.
Fi stqarrija qalet li “jidher li hawn qbil fil-pajjiż dwar il-bżonn ta’ bidla fil-politika dwar il-permessi għal bini ta’ pompi tal-petrol”.
Kien Newsbook.com.mt li s-Sibt li għadda żvela proposti mill-politika ġdida tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li se tiġi ppubblikata mill-Ministru għall-Ambjent José Herrera fil-jien li ġejjin.
Filwaqt li taqbel li din il policy għandha tkun riveduta, l-MDA appellat lill-Ministru risponsabbli għall-ippjanar u lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex javżaw uffiċjalment li kull applikazzjoni ġdida għal pompa tal-petrol għandha tiġi deċiża skont il-politika l-ġdida.
Hija spjegat li qed tappella b’dan il-mod biex ma jkunx hemm pressjoni fuq l-Awtorità dwar diskriminazzjoni.
Fil-preżent, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa għadd ta’ applikazzjonijiet għal pompi tal-petrol kemm fuq art għall-iżvilupp u anki ‘l barra mill-iżvilupp (ODZ).
Waħda minnhom hija dik fil-limiti ta’ Ħal Luqa u li deċiżjoni dwarha ġiet diferita wara li grupp ta’ attivisti daħlu għall-għarrieda waqt laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Applikazzjoni oħra tinsab fl-Iklin u li għaliha l-Kunsill Lokali tal-Iklin diġà oġġezzjona. Is-Sindku tal-Iklin Anthony Dalli sostna li ma’ hemm l-ebda raġuni leġittima li l-pompa tal-petrol għandha ssir f’dan is-sit ODZ.