L-MDA bi proposti lill-PM: Units tad-dawl b’xejn lill-familji kollha

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ippreżentat sensiela ta’ proposti lill-Gvern, bil-għan li jiġu salvagwardati l-impjiegi u jiġu mgħejjuna l-familji f’diffikultà li jkollhom għaxja ta’ lejla. Dan minħabba l-pandemija tal-coronavirus li qed taħkem lil Malta mal-kumplament tad-dinja.

F’laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela f’Kastilja, l-MDA talbitu fost l-oħrajn biex:

  • Jikkunsidra jnaqqas il-piż tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għax-xhur li ġejjin, billi jżid in-numru ta’ units b’xejn għall-familji kollha. Dan għandu jsir sakemm is-sitwazzjoni fil-pajjiż terġa’ lura għan-normal.
  • Jikkunsidra kumpens lill-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol minħabba s-sitwazzjoni kurrenti.

L-MDA reġgħet offriet l-għajnuna tagħha lill-Gvern, billi tidentifika proprjetà fis-suq li mhix tintuża u tagħmilha disponibbli biex tintuża bħala faċilità medika temporanja.

S’issa f’Malta hawn 110 każi ta’ coronavirus. Illum tħabbru tlieta biss. Madanakollu s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci appellat biex kemm jista’ jkun ħadd ma joħroġ mid-dar u li s-sitwazzjoni f’Malta għadha biss il-bidu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn