L-MDA “b’soluzzjoni” għall-kirjiet għax il-Gvern “qed ifalli”

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) Sandro Chetcuti saħaq li l-Gvern ifalli meta jibni l-akkomodazzjoni soċjali hu, għax m’għandux l-għaqal u l-moħħ tal-iżviluppatur.
Waqt il-programm Follow Up Perspettiva fuq RTK, li kien qed jittratta l-kirjiet u l-proposti baġitarji tal-Gvern f’dan il-qasam, Chetcuti kompla jispjega li l-ispejjeż tal-proprjetà, lill-Gvern jiġuh ferm ogħla milli jiġu lill-privat.
Sandro Chetcuti kien qed jirreaġixxi għal dak li kien għadu kif qal Joseph Bartolo, membru fl-Alleanza Kontra l-Faqar, li sostna li l-Gvern irid jibni l-akkomodazzjoni fuq l-art tiegħu u mhux jagħtiha lill-iżviluppaturi.
Il-President tal-MDA qal li bħalissa l-Gvern qed jissellef il-flus biex jibni l-appartamenti, imma mhuwiex jirnexxilu jikrihom bi prezz baxx daqskemm kieku jirnexxilu l-privat.
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi trid li l-Gvern jagħtiha l-art tiegħu u tibni hi djar u appartamenti bi prezz irħis għal dawk vulnerabbli.
Din il-biċċa xogħol, skont l-MDA, issir permezz ta’ sħubija bejn il-privat u l-Awtorità tad-Djar, wara li jkun hemm sejħa għall-interess mill-MDA u l-Awtorità tad-Djar lil kull min irid jinvesti f’dal-proġett.
Chetcuti enfasizza li anki min ma jkunx membru fl-MDA jkun jista’ japplika għall-proġett.
Żied jgħid li b’dal-mod tinħoloq sistema ġdida biex jinħolqu appartamenti affordabbli, u b’hekk il-prezz tal-kirja jinżamm baxx. Hu kkalkula li bi €300 fix-xahar joħloq din l-opportunità.
Mistoqsi x’jiġri mill-art, tibqax tal-Gvern jew issirx proprjetà tal-MDA, Chetcuti qal li bħalma l-Gvern jagħti l-art lil-lukandi u entitajiet kummerċjali għal perjodu ta’ 99 sena, l-istess għandu jagħmel lill-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi.
Il-President tal-MDA irrimarka li sħubija simili bejn il-privat u l-pubbliku diġà saret fil-passat, u semma l-ftehim li kien sar bejn il-GRTU u l-MDA fis-settur tal-enerġija rinnovabbli.
Il-proġett, finalment, jekk isir, jitmexxa minn bord li fih membri mill-MDA u mill-Awtorità tad-Djar, u l-ftehim ikun wieħed żgur li ż-żewġ naħat ikunu kommessi li jibnu appartamenti bi prezz affordabbli.
 “Jiġri bħalma ġara fil-passat” – Alleanza kontra l-Faqar
Joseph Bartolo, tal-Alleanza Kontra l-Faqar, ma qabilx mal-proposta għax qal li bħalma ġara fil-passat, l-art tispiċċa tingħata b’xejn mill-Gvern.
Irrimarka li l-ħsieb wara din is-sħubija hu biss li Chetcuti jakkwista art fejn jibni aktar.