L-MCESD mingħajr pożizzjoni wara nuqqas ta’ qbil

Read in English.

Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD ħassar il-pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni komuni dwar il-kriżi politika f’Malta. Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li diverġenzi fil-Kunsill wasslu biex anke titħassar konferenza tal-aħbarijiet li kienet ippjanata.

Meta kkuntattjat, iċ-Chairman tal-MCESD John Bencini kkonferma li kien hemm laqgħa l-Erbgħa filgħodu biex jiġi fformulat document li fi kliemu kellu l-għan li jifformola proposti tanġibbli biex “jagħti lura lill-pajjiż d-dinjità li jixraqlu”. Skont is-sorsi, l-abbozz tad-dokument ma kien xejn għajr stqarrija għall-midja li ma kinitx soda biżżejjed li ma ġabitx biżżejjed appoġġ.

L-istqarrija kienet tgħid lill-politiċi u lill-Gvern biex jieħdu pass lura mix-xena pubblika u jħallu lill-imsieħba soċjali jaħgmlu xogħlhom. “Malta għandha l-problemi tagħha bħal kull pajjiż ieħor”, kienet tgħid l-istqarrija. Dan kien ifisser li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa kienet ġiet relegate għal problema kuntrarju għal dak li qalu l-President u l-Prim Ministru li sejħulha bħala kriżi.

Diversi membri fl-MCESD ħarġu serje ta’ stqarrijiet individwali li fihom tkellmu b’mod iebes dwar il-kriżi politika, kostituzzjonali u legali. Il-GRTU sejħet għar-riżenja tal-Prim Ministru għaliex qalet li n-negozji jinsabu għarkubbtejhom.

Il-UĦM tirreaġixxi

Ikkuntattjati minn Newsbook.com.mt dwar is-sitwazzjoni fl-MCESD, il-UĦM-Voice of the Workers qalu mal-ewwel li ma qablux mal-abbozz tal-istqarrija li kienet se toħroġ għaliex qalu li s-sitwazzjoni preżenti tirrikjedi li l-interessi tal-pajjiż jiġu l-ewwel.

F’erba’ punti, il-UĦM qalet li:

  • Il-Prim Ministru għandu jirriżenja immedjatament u li jinħatar Aġent Prim Ministru mill-President skont kif titlob il-Kostituzzjoni.
  • Il-PM l-ġdid jiddirieġi lill-MCESD biex tifforma pjan fit-tul biex Malta jerġa’ jkollha kredibiltà.
  • Il-PM l-ġdid għandu jara li l-istituzzjonijiet jinvestigaw u jġibu quddiem il-ġustizzja l-persuni mdaħħla fil-każ.
  • Il-PM l-ġdid għandu jagħmel bidliet immedjati fit-tmexxija tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u jibdilhom b’persuni li għandhom fiduċja minn kulħadd.