L-MCESD jiddiskuti rapport Ewropew dwar l-apprentistat f’Malta

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jaħdmu id f’id. Huwa qal dan waqt laqgħa tal-MCESD li matulha saret diskussjoni fuq rapport Ewropew dwar l-apprentistat f’Malta li sar flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Il-Ministru Bartolo qal li s-sistema edukattiva tbidlet għall-bżonnijiet ekonomiċi f’numru ta’ setturi bħall-manutenzjoni tal-ajruplani iżda hemm setturi oħra bħal dak marittimu u t-tiswija ta’ vetturi moderni fejn m’hemmx biżżejjed ħaddiema mħarrġa.
Evarist Bartolo qal li sfortunatament f’Malta l-ħiliet vokazzjonijet għadhom jitqiesu bħala inferjuri għal dawk akkademiċi.
Qal ukoll li pajjiżi oħra Ewropej bħall-Awstrija, l-Ġermanja, l-Iżvizzera u l-Olanda jagħtu ferm iżjed importanza għax-xogħol vokazzjonali u l-apprentistat.
Mir-rapport jirriżulta l-ħtieġa ta’ career guidance u li l-edukaturi jiġu nfurmati u mħarrġa kontinwament fuq il-bżonnijiet tal-industrija. Għal-laqgħa tal-MCESD attendiet ukoll il-Ministru Helena Dalli.