L-MCCF fi ftehim mal-Università biex issir riċerka dwar l-osteoporożi

Il-Malta Community Chest Fund iffirmat ftehim mal-Fond tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, li permezz tiegħu l-MCCF se tiffinanzja proġett tar-riċerka fil-ġenetika tal-osteoporożi, li hija kundizzjoni li taffettwa lill-għadam tal-bniedem.
Ir-riċerka qed issir fil-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa tal-Università ta’ Malta immexxija mill-Professur Angela Xuereb.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Palazz ta’ San Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li din ir-riċerka se tara għaliex il-Maltin taħkimhom din il-marda, hekk kif l-osteoporożi taffettwa lil madwar 20% tan-nisa u 6% tal-irġiel Maltin. 
Huwa stmat li l-effetti ta’ din il-kundizzjoni tpoġġi piż ta’ €17-il miljun fuq is-settur tas-saħħa, partikolarment f’operazzjonijiet tal-hip replacement.
Il-President spjegat li b’dan il-ftehim il-Malta Community Chest Fund qed issaħħaħ din ir-riċerka importanti u tipprovdi fondi biex issostni dan ix-xogħol siewi li qed isir. 

Ritratt: DOI – James Galea