L-MCCAA rċeviet mal-10 ilmenti fix-xahar dwar safar

Fl-aħħar 10 xhur l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) rċeviet 105 ilmenti marbutin ma’ refużjonijiet jew ħlasijiet oħra marbuta mal-ikkanċellar ta’ vaganzi u safar.

L-akbar ammont ta’ ilmenti sar f’Awwissu b’total ta’ 20 ilment filwaqt li f’Lulju saru 18-il ilment. Fl-ewwel xhur ta’ din is-sena qabel mal-pandemija daħlet fil-Gżejjer Maltin, kien hemm sitt ilmenti; wieħed f’Jannar u ħamsa fi Frar.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Protelli qalet li l-ammont ta’ ilmenti li daħlu permezz tal-Covid-19 helpline tal-Awtorità tat-Turiżmu rigward refużjonijiet jew ħlasijiet oħra marbuta mal-ikkanċellar ta’ vaganzi u safar kienu 102 filwaqt li bejn Marzu u Ottubru daħlu madwar 40 email fuq l-istess suġġett.

Farrugia Portelli qalet li l-European Consumer Centre Malta rċieva total ta’ 1096 ilment li jitqassmu f’żewġ kategoriji. 753 talba kienu għall-assistenza jew ilment sempliċi filwaqt li 343 kienu ilmenti. Il-Ministru spjegat li talbiet ta’ assistenza jew ilmenti sempliċi huma każijiet fejn il-konsumatur ikollu bżonn informazzjoni u assistenza qabel jew wara li jakkwista prodott jew servizz. Kompliet li ilment huwa meta l-konsumatur ikun akkwista l-prodott jew servizz u ma jkunx wasal fi ftehiem mal-kummerċjant.

Fil-Parlament il-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur qalet li 50% tal-ilmenti tal-konsumaturi Maltin kienu relatati mat-trasport, 18% relatati ma’ restoranti u akkomodazzjoni, 10% dwar rikreazzjoni u kultura, 7% ma’ oġġetti relatati mad-dar, 6% kienu relatati ma’ ħwejjeġ u żraben u 9% ma’ affarijiet oħra.

L-aktar xahar li fih intalbet asssitenza jew sar ilment sempliċi kien f’April f’total ta’ 150 talba, filwaqt li f’Lulju saru 44 ilment.

Il-Ministru spjegat li ċ-Ċentru għandu tliet impjegati fuq bażi full time u impjegata oħra li taħdem b’numru ta’ siegħat ridotti. Spejgat li l-irwol tagħhom huwa ta’ Senior Professional Officer fir-rwol ta’ Koordinatur taċ-Ċentru; u żewġ Administrative Officers li jindirizzaw l-ilmenti li jidħlu minn konsumaturi Maltin u mill-Unjoni Ewropea. Wieħed minn dawn l-Uffiċjali huwa wkoll il-contact point tar-regolament dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u Information and Education Officer li taħdem numru ta’ sigħat ridotti u tieħu ħsieb artikli li jidhru fil-gazzetti lokali f’isem iċ-Ċentru.

Il-Ministru Farrugia Portelli kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said.