L-MCAST tippubblika l-korsijiet tal-part time

L-MCAST għadha kif ippubblikat lista ta’ korsijiet ġodda fuq bażi part-time f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti li uħud jitqiesu bħala passatemp u oħrajn li huma fil-livell ta’ Masters.

L-istqarrija tispjega li dawn it-tip ta’ korsijiet huma intenzjonati biex dawk li jaħdmu jew li għandhom impenji familjari jkunu jistgħu isegwu peress li l-klassijiet isiru filgħaxija jew is-Sibt filgħodu. Dawn il-korsijiet jgħinuhom biex isibu impjiegi ġodda u jiksbu ħiliet dwar suġġetti li jinteressawhom.

L-MCAST spjegat li dawk l-istudenti ta’ 16-il sena u aktar jistgħu japplikaw għal dawn il-korsijiet.

Sadanittant, l-MCAST ħabbret ukoll li s-sajf li ġej se jkun organizzat għal darb’oħra l-MCASTeens Discovery Summer Camp fil-kampus ewlieni f’Raħal Ġdid. Dan huwa intenzjonat għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-12 u s-16-il sena matul perjodu ta’ tmien ġimgħat. L-attivitajiet ivarjaw minn dawk sportivi għal dawk ta’ avventura, arti u snajja.