L-MCAST tippremja lill-impjegati ta’ CareMalta

L-impjegati ta' CareMalta ngħataw ċertifikat tat-tielet livell fi studji dwar id-diżabilità u ċertifikat tar-raba’ livell fil-kura avvanzata, waqt ċerimonja tal-premjijiet li saret fil-faċilitajiet tat-taħriġ tal-MCAST f'Ħal Qormi.
L-għan ta’ dan it-taħriġ, fil-kura għal persuni bi bżonnijiet speċjali, hu li jipprovdi lill-istudenti għarfien, ħiliet u kompetenzi bażiċi biex jifhmu aktar il-ħtiġijiet diversi ta' persuni bi bżonnijiet speċjali.
Barra minn hekk, dan kien importanti biex il-ħaddiema ta’ dan il-qasam jifhmu l-karatteristiċi tal-iżvilupp intellettwali, filwaqt li jifhmu wkoll it-tendenzi u l-kwistjonijiet ta’ inklużjoni.
L-istudenti setgħu wkoll jiffamiljarizzaw ruħhom mal-prattiċi effettivi li jippromwovu l-komunikazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet soċjali u l-interazzjoni, filwaqt li jappoġġjaw lill-pazjenti u lill-familji tagħhom.
L-għan tal-premju fil-kura avvanzata hu li jiżgura li Senior Care Assistants jitgħallmu l-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu b'mod effettiv mal-anzjani u l-familji tagħhom f'ambjent residenzjali, biex jiksbu għarfien komprensiv tar-responsabbiltajiet li jġib miegħu dan il-qasam.
B’hekk meta l-apprentisti jtemmu b'suċċess korsijiet bħal dawn, mhux biss itejbu l-livell ta' kompetenza tagħhom u s-servizz lill-klijenti, iżda wkoll jiżguraw li l-kwalifika hija rikonoxxuta u rilevanti għall-industrija.
Stephen Cachia, il-prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST qal f’kumment li, “Illum aħna għal darb'oħra xhieda ta' eżempju vera ta' kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-imsieħba tagħha. Jagħtini pjaċir kbir li nara li l-istudenti jingħataw is-setgħa bil-ħiliet meħtieġa biex jisbqu fix-xogħol tagħhom mal-anzjani tagħna”.