​L-MCAST tiċħad “li qed tipprova timplimenta prattiċi dubjużi”

Il-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) qalet li l-MCAST qed tipprova timplimenta “prattiċi dubjużi”, allegazzjoni li ġiet miċħuda mill-MCAST.
Fi stqarrija, l-MUT qalet li wara li l-MCAST talbet lill-Qorti biex twaqqaf l-azzjoni industrijali tal-għalliema, l-amministrazzjoni tal-kulleġġ bdiet tipprova timplimenta xi prattiċi dubjużi. Dan għaliex skont l-MUT, l-MCAST taf li l-Unjin ma tistax tieħu azzjoni sakemm tinqata’ s-sentenza tal-Qorti. Madanakollu, l-MUT ma speċifikatx x’kienu dawn il-prattiċi dubjużi fl-istqarrija tagħha.
Skont l-MUT, l-għalliema fl-MCAST spiċċaw vittma tat-tattiċi li li kieku kienu ntużaw f’żmien ieħor, il-Unjin kienet tieħu passi kontrihom. Il-MUT qalet li dan l-aġir huwa insulenti lejn kull min għandu fl-aħjar interess tiegħu l-edukaturi.
Qalu li l-unjin se tkompli tistenna d-deċiżjoni tal-Qorti. Qalu wkoll li dan id-dewmien fil-proċess fin-negozjati huwa kollu tort tal-MCAST peress li kienet hi li għażlet li tieħu azzjoni permezz tal-qrati.
L-MUT temmet tgħid li l-edukaturi tal-MCAST qed jitwaqqfu mid-dritt tagħhom għal strajk, bil-kontra tat-tobba.
Ma ġewx introdotti prattiċi ġodda – MCAST
F’reazzjoni għall-istqarrija tal-MUT, l-MCAST qalet li ma ġewx introdotti prattiċi ġodda fil-perjodu msemmi.
L-MCAST qalet li ma ssibx oġġezzjoni biex tkompli tiddiskuti mal-MUT.
Żiedet tgħid li kitbet lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali biex titlob li ssir laqgħa ta’ konċiljazzjoni.